Għan
L-imġiba tal-istudenti tal-iskola titjieb.
Appoġġ għall-Policy
Prinċipal tal-Kulleġġ, Ms M.McNamara.
Persuni Involuti
Ġenituri, Kustodji u Studenti
Persuni Inkarigati
L-Amministrazzjoni, l-Għalliema u l-L.S.A.s tal-Kulleġġ Santa Margerita, Skola Primarja Xgħajra.
POLICY
I. Dikjarazzjoni
Aspett importanti fl-iżvilupp tagħna huwa l-imġiba. Mill-imġiba tagħna aħna ngħaddu messaġġ pożittiv jew negattiv lin-nies ta’ madwarna. Huwa għalhekk tajjeb li minn meta nkunu żgħar nidraw inġibu ruħna sew, inkunu responsabbli u nirrispettaw lil ta’ madwarna. Din il-policy tgħinna biex niżviluppaw dawn il-ħiliet.
II. Proċedura
Għandi dmir ngħin lili nnifsi u lill-oħrajn nitgħallmu billi:
A. Niġi l-iskola kuljum
1. Meta t-tfal ifallu tintbagħat sms lill-ġenituri/kustodji. Wara tlett ijiem
jintalab ċertifikat tat-tabib.
2. Jekk it-tfal ifallu ta’ spiss mingħajr ġustifikazzjoni, tiġi mgħarrfa
s-social worker tal-kulleġġ biex jittieħdu l-passi neċessarji.
B. Nagħmel ix-xogħol kollu
1. Jekk it-tfal ma jagħmlux ix-xogħol tad-dar, tintbagħat nota lill-ġenituri/kustodji. Din in-nota trid tiġi ffirmata u rritornata l-iskola
l-għada.
2. It-tfal jibqgħu ġewwa waqt parti mill-brejk biex ilestu x-xogħol li ma jkunux għamlu.
3. Jekk din il-ħaġa ssir ta’ spiss it-tfal ma jitħallewx jieħdu sehem f’xi attività tal-iskola.
4. Il-ġenituri/kustodji jintalbu jiġu l-iskola biex tiġi diskussa din il-problema.
Ċ. Ma ntellifx lill-oħrajn
1. Min itellef lill-għalliema milli tagħmel il-lezzjoni jintbagħat għand
membru tal-amministrazzjoni bix-xogħol li għandu jagħmel biex
l-istudenti l-oħra jkunu jistgħu jkomplu xogħolhom bla tfixkil.
2. Tintbagħat nota lill-ġenituri/kustodji biex tgħarrafhom b’din l-imġiba.
3. Jekk din l-imġiba ssir b’mod regolari, il-ġenituri/kustodji jintalbu jiġu
l-iskola biex tiġi diskussa din il-problema.
Għandi dmir nirrispetta lil ħaddieħor billi:
A. Inkun ġust u qalbi tajba
1. Jekk għajjart lil xi ħadd, trid titolbu skuża quddiem sħabek tal-klassi.
2. Jekk akkużajt lil xi ħadd mingħajr raġuni, trid tgħid li għamilt żball quddiem sħabek u tgħid jew tikteb xi ħaġa sabiħa dwaru/dwarha.
3. Jekk ma ħallejtx lil xi ħadd jilgħab mal-grupp tiegħek, trid tiskuża ruħek u tħallih jilgħab.
4. Jekk qgħadt tinki lil xi ħadd minn sħabek trid titolbu skuża.
5. Jekk ma tagħmilx dan tintbagħat nota lill-ġenituri/kustodji. Dawn iridu jiffirmaw u jibagħtu n-nota lura l-iskola.
6. Jekk din l-imġiba tippersisti l-ġenituri/kustodji jkunu mitluba jiġu l-iskola biex tiġi diskussa din il-problema.
B. Nikkontrolla lili nnifsi
1. Fil-klassi trid ġġib ruħek sew, titkellem bil-mod u żżomm il-paċi. Jekk tkun se tirrabja, ieqaf u għodd sal-għaxra biex tikkalma. L-għalliem/a tista’ titlob li inti tieħu ftit ‘time-out’ biex tiġi f’siktek.
2. Ċajt bl-idejn mhux permess. Jekk iddejjaq lil sħabek b’fittaġni żejda trid
titlob skuża. Jekk ma tagħmilx dan trid toqgħod b’idejk marbutin għall-
ħin li tgħidlek l-għalliema
3. Trid titkellem dejjem b’mod xieraq billi ma tużax kliem baxx jew pastaż.
Jekk tagħmel dan, toqgħod fuq mejda ‘l bogħod minn sħabek
tal-klassi għall-perjodu li tiddeċidieh l-għalliema u tagħmel xogħol extra
biex titgħallem. L-istess jiġri jekk tagħmel mossi mhux xierqa.
4. Il-ġenituri/kustodji jiġu mgħarrfa b’din l-imġiba.
Għandi dmir nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u tal-oħrajn billi:
A. Ma nġibx affarijiet ta’ periklu l-iskola
1. Affarijiet li l-għalliema tqishom ta’ periklu għall-istudenti, teħodhom u
żżommhom hi tul il-ġurnata. Imbagħad, l-għalliema tibgħat għall-ġenituri/kustodji biex tkellimhom u tagħtihom lilhom. Sintendi, tiġi
nfurmata wkoll l-amministrazzjoni tal-iskola.
2. Jekk l-istess student jerġa’ jġib affarijiet ta’ periklu, dawn jittiħdulu
u jinżammu mill-amministrazzjoni sakemm jiġu għalihom il-ġenituri/ kustodji jew sal-aħħar tas-sena skolastika.
It-tfal jinżammu wkoll wara l-ħin tal-iskola u rapport tal-imġiba
jitniżżel fil-fajl tagħhom.
B. Nimxi mar-regoli fil-kowċ, fil-grawnd u fl-iskola kollha
i) Fil-Kowċ
1. Kulħadd irid joqgħod bilqiegħda f’postu tul il-vjaġġ. Il-kbar joqogħdu
fuq wara u ż-żgħar quddiem.
2. Nuru rispett lejn sħabna u lejn ix-xufier billi ma ngħajtux, ma niġġildux
u ma ngħajrux lil xulxin.
3. Min itellef lix-xufier waqt is-sewqan b’imġiba mhux xierqa jista’
jiġi sospiż milli juża t-trasport tal-iskola. Jiġu mgħarrfa l-ġenituri/
kustodji biex jieħdu ħsieb huma li jwasslu l-istudent l-iskola.
ii) Fil-grawnd
1. Nilagħbu flimkien f’postijiet fejn hu permess il-logħob.
2. Nibżgħu għall-ambjent ta’ madwarna.
3. Niftiehmu fuq ir-regoli tal-logħob u nimxu magħhom.
4. Nitgħallmu naċċettaw telfa mingħajr ma niġġieldu.
5. Ma nidħlux fil-ħamrija bla bżonn u bla permess.
6. Ma nimxux fuq iċ-ċnut li jdawru l-ħamrija.
7. Ma mmissux jew ingaraw ġebel.
8. Min ma jimxix ma’ dawn ir-regoli jitwaqqaf milli jilgħab
mill-għalliema, għal perjodu li jiġi deċiż minnha.
9. Jekk l-imġiba ħażina tippersisti jiġu mgħarrfa l-membri tal-
amministrazzjoni u l-istudent jinżamm fl-uffiċċju jagħmel xogħol
żejjed mogħti lilu mill-għalliema. Il-ġenituri/kustodji jiġu mgħarrfa
b’din l-imġiba.
iii) Fl-iskola
1. Inkunu kburin bl-iskola tagħna u naħdmu biex ngħollu l-livell,
kemm bix-xogħol tagħna u kemm bl-imġiba.
2. Fil-kurituri nimxu u nitkellmu bil-mod biex ma ntellfux lil sħabna
waqt il-lezzjonijiet.
3. Inżommu l-ambjent ta’ madwarna nadif billi nużaw id-dustbins u ma
nwaqqgħux ilma jew ikel mal-art.
4. Min iħammeġ bla bżonn jintalab inaddaf il-ħmieġ li jkun għamel.
Għandi dmir nieħu ħsieb l-affarijiet tiegħi billi:
A. Niftakar inġib l-affariijiet kollha meħtieġa għall-iskola u neħodhom lura miegħi
1. Ikunu rikonoxxuti l-istudenti li jkunu responsabbli u li jieħdu ħsieb iġibu
l-affarijiet tal-iskola magħhom kuljum.
2. Studenti responsabbli jieħdu ħsieb ukoll li jieħdu lura magħhom kotba u pitazzi li għandhom bżonn biex jagħmlu x-xogħol tad-dar.
3. Min ma jiħux ħsieb l-affarijiet tiegħu jiġi mwissi mill-għalliema.
4. Jekk din l-imġiba ma titranġax il-ġenituri/kustodji jiġu msejħa
l-iskola biex tiġi diskussa din il-problema u l-konsegwenza li għandha tittieħed.
B. Nibża’ għall-affarijiet tal-iskola
1. L-iskola hija t-tieni dar tagħna u għandna dmir li nibżgħu għaliha billi
nżommu l-indafa u ma nagħmlux ħsara.
2. L-istudenti għandhom jibżgħu għall-kotba u apparat li jingħata lilhom.
Huma jridu jħallsu jekk jitilfu jew jagħmlu ħsara lil xi oġġetti mogħtija
lilhom mill-iskola.
Ċ. Nibża’ għall-affarijiet tal-oħrajn
1. Hekk kif għandna d-dmir li nieħdu ħsieb l-affarijiet tagħna u tal-iskola
hekk ukoll irridu nieħdu ħsieb l-affarijiet ta’ sħabna.
2. Meta nisselfu xi ħaġa, nieħdu ħsieb biex nagħtuha lura kif inlestu
minnha.
3. Jekk nagħmlu ħsara fl-affarijiet tal-oħrajn, il-ġenituri/kustodji
huma obbligati li jħallsu għall-ħsara li tkun saret.
Għandi dmir ngħin lill-oħrajn biex ikunu ferħanin billi:
A. Nimxi mal-oħrajn kif irrid li jimxu miegħi
1. Aħna nixtiequ li sħabna jħobbuna, jirrispettawna u jgħinuna. Hekk ukoll
għandna nħobbu, nirrispettaw u ngħinu lit-tfal tal-iskola tagħna.
2. Imġiba tajba tkun apprezzata minn kulħadd. Fl-aħħar tax-xahar jingħata ċertifikat lil student/a minn kull klassi li jkun ġab ruħu b’mod eżemplari.
3. Jintbagħat rapport id-dar meta student iġib ruħu b’mod eċċezzjonali ma’ sħabu
jew jagħmel sforz biex itejjeb il-livell tax-xogħol tiegħu. Rekord tal-imġiba ikun inkluż fir-rapport tal-aħħar tas-sena.
4. Ġlied, tgħajjir u ibbulijar bl-ebda mod ma hu permess u ma jista’ qatt
ikun iġġustifikat.
5. Studenti li jġibu ruħhom b’dan il-mod jiġu mwissija mill-għalliema u mħeġġa jitolbu skuża lil sħabhom. Jistgħu wkoll jitilfu parti mill-brejk u jingħataw xogħol tal-iskola żejjed skont il-gravit︡a` tal-każ.
6. Jekk l-istudent jerġa’ jirrikorri għall-istess imġiba, jintalab joħroġ mill-klassi u
jmur fl-uffiċċju ta’ membru tal-amministrazzjoni. Isir rapport dwar l-imġiba tal-istudent li jintbagħat lill-ġenituri/kustodji. Dawn jintalbu jiġu l-iskola biex tiġi diskussa din il-problema.
7. Din il-proċedura ssir kull darba li jkun hemm imġiba mhix xierqa min-naħa tal-istudenti. Rekord tal-imġiba tat-tfal ikun inkluż fir-rapport tal-aħħar tas-sena.
B. Nitgħallem fuqi nnifsi u fuq l-oħrajn
1. Aktar ma nikbru aktar nitgħallmu kif nieħdu ħsieb tagħna nfusna, kif nieħdu deċiżjonijiet responsabbli u kif nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin.
2. Nibdew nifhmu aktar dak li jista’ jferraħ jew idejjaq lil sħabna.
3. Nieħdu ħsieb u nfittxu dejjem li nagħmlu l-ġid, ngħinu u nferrħu lill-oħrajn.
Konklużjoni
B’hekk ikollna skola aktar ferħana, ġusta u nieqsa mill-periklu. L-istudenti jikbru f’ambjent kalm fejn it-tagħlim ikun iżjed effettiv. Jitrawmu fl-istudenti valuri ta’ rispett lejhom infushom, lejn in-nies ta’ madwarhom u lejn l-ambjent.



